top of page

L-Aqwa Suċċessi ta' Freddie Portelli jirritornaw ma' D'Amato Records

  • Writer: Shannah Muscat
    Shannah Muscat
  • Aug 21
  • 3 min read

Updated: Aug 22

Fit-30 ta’ Mejju 2025, kelli x-xorti nattendi t-tnedija tal-album il-ġdid ta’ D’Amato Records: L-Aqwa Suċċessi – ġabra tal-aqwa kanzunetti tal-leġġenda lokali Freddie Portelli.


ree

 

Iżda din ma kinitx tnedija bħal oħrajn. Anthony D’Amato, wieħed mis-sidien tal-eqdem ħanut tar-rekords fid-dinja, qal li l-familja tiegħu issa tinsab fil-ħames ġenerazzjoni tas-sjieda, u hi l-unika waħda li qatt ma pproduċiet vinyls. Fil-fatt, l-aħħar pressa tal-label kienet fis-snin tmenin.

 

Kien hemm atmosfera mill-isbaħ fil-ħanut storiku. Laqgħuni b’prosecco u finger foods, imma dak kollu deher bla importanza meta rajt lil Freddie bilqiegħda fuq mejda, jiffirma kopji tal-vinyl il-ġdid u jitkellem mal-fans tiegħu. Naturalment, kelli xi mistoqsijiet.

 

Staqsejtu x’jiġifieri għalih li jerġa jkollu l-mużika fuq vinyl wara dawn is-snin kollha.

“Jiena l-ewwel nett għalaqt 81, iġifieri ilni sejjer, u qabel jien ħriġt ħafna diski vinyl”, beda Freddie. “Imma issa peress li reġgħu bdew u bdew b’tiegħi, unur għalija għax qalli “ħa nibdew b’tiegħek għax huma baqaw l-iżjed li jitolbuni.”

Għajnejn Freddie xegħlu b’istorja li, anke wara tant snin, għadha tqanqlulu tbissima.

“Jiena kelli pereżempju LP minnhom, kienet għal Gaddafi. Kienu qaluli li kienet il-favurita tiegħu m’emminthomx jien. Kienu ibbumbardjawh l-Amerikani u kisruhielhu d-dar u l-kamp, u ġabu ritratt, mad-dinja kollha ġabuh, il-kamra tiegħu mkisser u l-LP tiegħi kbira ‘Viva Malta’ hemm.”

 

ree

Staqsejtu jekk kellux xi kanzunetti partikolari li jfakkruh f’'xi mument speċjali f’ħajtu.

“Ħa ngħidlek, Viva Malta tfakkarni ħafna għax meta għamilnieha, kif saret u kif ktibtha, iġġieldu miegħi għax insejt jiena u dan, u kif għamilnieha ħadet bomba mad-dinja, dak baqa mument speċjali għaliha, intqara fuq il-gazzetti tad-dinja kollha, fuq ir-Readers Digest, daqqewha kullimkien!"

 

Waħda mill-aktar affarijiet li Freddie jsib straordinarji dwar il-wirt tal-mużika tiegħu hija l-udjenza li rnexxielu jilħaq. Sostna li jara nies li lanqas biss kienu twieldu meta dawn il-kanzunetti ħarġu, jkantaw il-kliem b’mod perfett, donnhom ħarġu lbieraħ.

“Jien drajt, minn hawn nibqa’ sejjer Għawdex nkanta, u dejjem ikolli ż-żagħar ukoll, u d-diski jkantawhom kollha tiegħi. Ngħidilhom ‘lanqas biss twelidtu’. Id-diski li hawn ġo din il-vinyl ġieli nista’ nħallihom jkantaw huma. Mill-kbar nippretendiha, imma ż-żagħar...”.

 

Meta staqsejtu jekk għandux parir għall-ġenerazzjoni żagħżugħa tal-lum, il-leħen tiegħu sar aktar riflessiv. Qal li jiftakar ċar ħafna l-opportunitajiet li kellu meta kien żagħżugħ – xi wħud li ħadhom u oħrajn li, sfortunatament, jiddispjaċih li ħalliehom jgħaddu.

 

“Illum hawn ħafna opportunitajiet. Mhux bħalna, għalina ma kienx hawn opportunitajiet bħal tal-lum,” qal. “Għalkemm jiena ġewni opportunitajiet kbar u armejthom, u bit-traskuraġni li kelli. Wieħed biss ma kelliex tort — meta riedu jagħmlulna kuntratt il-Beatles. Kont iffirmajt kuntratt lil wieħed jiena, għal sentejn, u meta riduni, hu ried nofs il-qliegħ, ried 50% mill-copyright u tgħidx kemm iġġieldu miegħu. Dik biss ma kinitx it-tort tiegħi.”

 

Fakkar ukoll f’mumenti oħra fejn, fil-kliem tiegħu stess, it-tort kien kollha tiegħu.

“Mal-Electrola tal-Ġermanja it-tort tiegħi, sewwa, u mal-Atlantic Records tal-Ingilterra t-tort tiegħi wkoll, għax konna qed nirrekordjaw u ried lili biss, mhux il-band. Jien qaltlu jew bil-band b’kollox jew xejn. Qalli ‘int miġnun, ma tafx x’qed noffrilek’.”

 

Tkellimna wkoll fuq ix-xena mużikali Maltija tal-lum.

“Id-diski li qed joħorġu l-Maltin fihom mużika tal-għaġeb, tajjeb, però min qed jikteb id-diski għandu bżonn jibda jikteb foniku ngħidulu. Ma jiktibx poeżija għax poeżija kultant ma tantx tista’ tkantaha. Mhux qed jindunaw — qed jaraw il-kliem sbieħ fuq il-karta, u meta tiġi biex tippronunzjah, ċertu diski Maltin ma tantx tifhem il-kliem. Il-kantant irrid ikollu d-diction.”

 

Lejn it-tmiem tat-tnedija, Freddie rringrazzja lil Censu Galea, is-sindku ta’ San Pawl il-Baħar, il-belt twelidu ta’ Freddie, li jiena onorata li naqsmu miegħu. Kompla billi qal li jittama li l-opportunitajiet li kienu ngħataw lil Malta Bums, il-banda tiegħu, jingħataw ukoll lil xi artist lokali llum. F’dak il-mument, ġietlu f’moħħu storja oħra ta’ dispjaċir.


Dorna d-dinja aħna, irrekordjajna b'apparat tal-Beatles, u intqajna ma' ħafna nies. Kelli opportunitajiet kbar, iltqajt ma' nies kbar. L-unika dispjaċir li għandi li ħawwadt waħda meta kelli niltaqa' m'Elvis, ma mortx. Konna daqqejna Detroit u suppost dakinhar nitilqu New York, u peress li Viva Malta kienet popolarissma ġew ħafna nies minn barra minn Detroit u kien full-up, ġie l-maniġer u qalli 'Freddie, we have problem, jimporta nagħmlu ieħor zgħir għada?", imma nsejt, is-soltu tiegħi, u ma morniex. Meta mort l-inġinier tiegħu qalli 'what happened to you?!', għidt 'I forgot!'. Dar fuq sieħbu u qallu 'there must be something wrong with this guy'. U very naħseb kellu raġun!"

ree


Huwa rrifletta fuq il-bidu tiegħu f’San Pawl il-Baħar mal-Malta Bums, qabel ma bdew jivvjaġġaw madwar id-dinja, imma tenna li dan kien jeħtieġ talent.

Għalkemm konna minn San Pawl, ma nafu xejn, kollox beda ġej waħdu, imma għax kellna t-talent. Kelli tlieta oħra miegħi kellhom talent kbir. Kont ngħallimhom milli naf jien għax kont l-ikbar wieħed.

Inħossni tassew fortunat li kelli l-opportunità nattendi din it-tnedija u nkellem lil Freddie; esperjenza li żgur se nibqa’ niftakarha. Huwa verament teżor nazzjonali, u laqgħani u l-mistoqsijiet tiegħi b’ġenerożità u b’qalb miftuħa. U iva, kif forsi qed tistaqsi lilek innifsek, ma stajtx nitlaq mingħajr vinyl f’idi.

Comments


bottom of page